St Clare of Assisi

Monday, February 13, 2017

Ruzarju għall-paċi meditat fuq siltiet mill-Messaġġ ta Papa Frangisku għall-Jum Dinji tal-Paċi

Flimkien ma' Ommna Marija u ma' San Ġuzepp u f'għaqda sħiħa mal-Knisja, ningħaqdu ma' Ġesù fit-talba kontinwa tiegħu għalina u għall-paċi fid-dinja u fil-qlub tal-bnedmin kollha. 

Noffrulek Missier ħanin, id-demm tal-martri ta' zmienna li b'tant kuraġġ u mħabba qed jagħtu ħajjithom għall-fidi tagħna u flimkien ma' tagħhom noffrulek aħna wkoll Missier dak kollu li ngħaddu minnu u li jtaqqalna u noffru kollox biex ix-xewqa tieghek għall-paċi fostna sseħħ. Agħtina Inti, Missier ħanin il-kuraġġ u l-qawwa biex ngħixu l-imħabba hekk kif tixtieqna Int. Nitolbu lilek, Spirtu Qaddis biex tgħinna nimmeditaw dan ir-ruzarju u tnissel fina ix-xewqat u l-ħsibijiet tiegħek għalina u għad-dinja. Amen.




L-Ewwel Posta
Rum:14:19  -  Ħalli nfittxu, mela, dak li jġib is-sliem u dak li jservi għall-edifikazzjoni ta' xulxin

Il-vjolenza mhix il-kura għad-dinja mtertqa tagħna. Jekk għall-vjolenza nwieġbu bil-vjolenza, dan l-aktar l-aktar jista’ jwassal għal migrazzjonijiet imġiegħla u għal tbatijiet enormi, għax kwantitajiet kbar ta’ riżorsi jmorru għal skopijiet militari u jinsterqu mill-bżonnijiet ta’ kuljum taż-żgħażagħ, tal-familji fil-bżonn, tal-anzjani, tal-morda, tal-parti l-kbira ta’ dawk li jgħixu fid-dinja. L-agħar li jista’ jiġri hu li twassal għall-mewt, fiżika u spiritwali, ta’ ħafna, jekk mhux ta’ kulħadd.


It-2 Posta
1 Tess 5:15  -  Qisu li ħadd ma jrodd deni b'deni, imma fittxu dejjem il-ġid ta' xulxin u ta' kulħadd.

Anki Ġesù għex fi żminijiet ta’ vjolenza. Hu għallem li l-veru kamp tal-battalja, fejn niġu wiċċ imb wiċċ mal-vjolenza u l-paċi, hi l-qalb tal-bniedem: “Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena” (Mk 7:21). Imma l-messaġġ ta’ Kristu, quddiem din ir-realtà, joffri t-tweġiba radikalment pożittiva: hu pprietka bla heda l-imħabba bla qies ta’ Alla li jilqa’ u jaħfer, u għallem lid-dixxipli tiegħu kif iħobbu lill-għedewwa tagħhom (ara Mt 5:44) u jdawrulhom ħaddhom l-ieħor (ara Mt 5:39). Meta żamm lil dawk li kienu qed jixlu lill-adultera milli jħaġġruha (ara Ġw 8:1-11) u meta, fil-lejl qabel ma miet, qal lil Pietru biex idaħħal is-sejf lura fl-għant tiegħu (ara Mt 26:52), Ġesù fittex it-triq tan-non-vjolenza, li mexa sal-aħħar, sas-salib, li permezz tiegħu wettaq is-sliem u ġarraf il-mibegħda (ara Efes 2:14-16). Għalhekk, min jilqa’ l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù, jagħraf il-vjolenza li jġorr ġo fih innifsu u jħalli l-ħniena ta’ Alla tfejqu, u hekk isir hu stess strument ta’ rikonċiljazzjoni, skont is-sejħa ta’ San Franġisk ta’ Assisi: “Il-paċi li xxandru b’fommkom, araw li tkun iktar kotrana fi qlubkom 


It-3 Posta
1Pt:3:9  La troddux deni b'deni jew tagħjir b'tagħjir; imma għall-kuntrarju, wieġbu bil-barka tagħkom, għax għal dan intom kontu msejjħa, biex tkunu werrieta tal-barka ta' Alla.

Li nkunu veri dixxipli ta’ Ġesù llum ifisser li nilqgħu wkoll il-proposta tiegħu ta’ non-vjolenza. Din – kif afferma l-predeċessur tiegħi Benedittu XVI – “hi realistika, għax iżżomm f’moħħha li fid-dinja hawn wisq vjolenza, wisq inġustizzja, u għalhekk ma nistgħux negħlbu din is-sitwazzjoni jekk mhux billi npattu għaliha b’iżjed imħabba, iżjed tjieba. Dan l-‘iżjed’ ġej minn Alla”. U hu żied b’qawwa kbira: “In-non-vjolenza għall-Insara mhix sempliċi tattika, imma mod ta’ kif tkun il-persuna, l-atteġġjament ta’ min hu hekk konvint mill-imħabba ta’ Alla u mill-qawwa tiegħu, li ma jibżax jeħodha mal-ħażen sempliċement bl-armi tal-imħabba u tal-verità. L-imħabba tal-għadu hi l-qalba tar-‘rivoluzzjoni Nisranija’. Bir-raġun il-Vanġelu ta’ ħobbu lill-għedewwa tagħkom (ara Lq 6:27) hu meqjus ‘il-magna charta tan-non-vjolenza Nisranija’: dan ma jikkonsistix f’li ‘nħallu l-ħażen jirbaħna […] imma li nirbħu l-ħażen bit-tajjeb’ (ara Rum 12:17-21), u hekk inqaċċtu l-katina tal-inġustizzja”.



Ir-4 Posta
Ġw:14:27  -  Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża'. 

“Fil-familja tagħna m’għandniex bżonn ta’ bombi u ta’ armi, li neqirdu biex inġibu l-paċi, imma biss li noqogħdu flimkien, li nħobbu lil xulxin […] U nistgħu negħlbu l-ħażen kollu li hawn fid-dinja”.  “Waqt li t-traffikanti tal-armi qed jagħmlu x-xogħol tagħhom, hemm il-fqajra li jġibu l-paċi li sempliċiment biex jgħinu persuna, u oħra, u oħra, u oħra, jagħtu ħajjithom”; Madre Teresa hi “simbolu, ikona ta’ żminijietna”. Mielet lejn il-persuni mifnija, mitluqa jmutu fuq il-ġnub tat-toroq, u għarfet fihom dik id-dinjità li Alla żejjinhom biha; semmgħet leħinha quddiem is-setgħanin ta’ din l-art, biex jintebħu bil-ħtijiet tagħhom  tal-faqar maħluq minnhom stess”. 


Il-5 Posta
1 Kor:14:33 - Għax Alla m'hux Alla tad-diżordni iżda tas-sliem.

Dan l-impenn favur il-vittmi tal-inġustizzja u tal-vjolenza mhux patrimonju tal-Knisja Kattolika waħidha, imma hu ta’ bosta tradizzjonijiet reliġjużi, li għalihom “il-ħniena u n-non-vjolenza huma essenzjali u jindikaw it-triq tal-ħajja”. Dan intennih bil-qawwa: “L-ebda reliġjon mhi terrorista”. Il-vjolenza hi profanazzjoni tal-isem ta’ Alla. Dan ma negħjew qatt intennuh: “L-isem ta’ Alla ma jista’ qatt jiġġustifika l-vjolenza. Il-paċi waħidha hi qaddisa. Il-paċi biss hi qaddisa, mhux il-gwerra!”.



No comments:

Post a Comment