St Clare of Assisi

Thursday, October 20, 2016

Ruzarju bi preparazzjoni għall-Gublew tal-Familja

Bi preparazzjoni għall-Gublew tal-Familja - Laikos nitolbu għal dawk kollha li se jattendu kif ukoll għall-familji kollha, anki għal dawk li mhux se jattendu, biex il-Mulej isaħħaħ il-familji kollha tagħna, inissel fosthom Spirtu ta' talb u jkattar fihom l-imħabba għalih u għal xulxin. 


Ruzarju tal-Familja Mqaddsa

L-Ewwel Misteru:  Il-Familja Mqaddsa, Egħmil ta' Alla

Gal 4, 4-5:  Meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, mwieled minn mara, mwieled taħt il-Liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna  l-adozzjoni ta' wlied.

L-Istess bħal fit-Testment il-Qadim, fil-bidu tat-Testment il-Ġdid insibu raġel u mara. Iżda, fejn Adam u Eva ġabu d-dnub, Marija u Ġużeppi huma għajn li minna tixxerred il-qdusija mad-dinja kollha. Is-Salvatur beda il-ħidma tas-Salvazzjoni qalb din l-unjoni verġinali, li fiha Alla juri r-rieda divina tiegħu li jippurifika u jqaddes il-familja, is-santwarju ta' l-imħabba u l-benniena tal-ħajja.

Nitolbu biex l-Ispirtu s-Santu jġedded il-familji tagħna u jagħmilhom jixbħu aktar lill-Familja Mqaddsa ta' Nazaret.



It-Tieni Misteru:  Il-Familja Mqaddsa f'Betlehem

Lk 2 ; 10-13, 16-17 :   Iżda l-anġlu qalilhom: "Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta' David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f'maxtura.......Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u 'l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f'maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b'kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija.

It-Twelid ta' Ġesu' f'Betlehem kien il-bidu ta' din il-familja unika u eċċezzjonali fl-istorja ta' l-umanita'. F'din il-familja, l-Iben ta' Alla, imwieled minn Omm Verġni, ġie fid-dinja, kiber u ħa l-edukazzjoni tiegħu.

Nitolbu:  lil Marija u Ġuzeppi biex bl-interċessjoni tagħhom jaqilgħulna l-grazzja li nħobbu u naduraw lil Ġesu' fuq kollox.


It-Tielet Misteru:  Il-Familja Mqaddsa fit-Tempju

Lk 2 ; 33-35: Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b'dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: "Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta' ħafna f'Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta' ħafna."

Is-Sagrifiċċju ta' l-ewwel wild kienet responsabbilta' oħra ta' missier li wettaq Ġuzeppi. L-Evanġelista jgħidilna li 'ommu u missieru baqgħu mistagħġba b'dak li kien qiegħed jingħad fuqu u l-aktar b'dak li qal Xmun fil-kantiku tiegħu lil Alla, meta rrivela lil Ġesu' bħala 'salvazzjoni li Alla ħejja għall-popli kollha' u 'dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja għall-poplu ta' Iżrael'. 

Nitolbu u nafdaw il-Knisja u l-familji kollha fi ħdan il-Familja Mqaddsa. Nitolbu b'mod speċjali għal dawk il-familji li għaddejjin minn tiġrib partikolari, dawk li qed iġorru s-salib tal-mard, dawk li qed iġorru s-salib ta' xi vizzju. Nitolbu biex, bil-qawwa tal-grazzja t'Alla, is-sitwazzjonijiet diffiċli li qegħdin iġarrbu l-familji tagħna, isiru għalihom mezz biex jissaħħu fil-fidi u fl-għaqda bejniethom.


Ir-Raba' Misteru:  Il-Ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu u r-Ritorn lejn Izrael

Mt 2 ; 13-14, 19-21:    Meta telqu, deher anġlu tal-Mulej f''ħolma lil Ġużeppi u qallu: "Qum, ħu miegħek lit-tifel u 'l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa' hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu." Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u 'l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu. Meta miet Erodi, deher l-anġlu tal-Mulej f'ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu u qallu: "Qum, ħu miegħek lit-tifel u 'l ommu, u erġa' lura lejn l-art ta' Iżrael, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel." Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u 'l ommu, u mar fl-art ta' Iżrael.

Bħalma Iżrael ħarab mill-kundizzjoni ta' lsir biex ikun jista' jwaqqaf il-patt fis-Sinaj, hekk issa Ġużeppi, gwardjan u kollaboratur fil-misteru tal-Providenza Divina, jgħin lil Ġesu', li għandu jwaqqaf il-Patt il-Ġdid, biex jaħrab minn Erodi, u jipproteġgih waqt l-eżilju.


Nitolbu:  biex nisimgħu il-Vanġelu u ngħixuh fil-prattika b'fiduċja dejjem akbar. Nitolbu biex fil-familji tagħna jissaħħaħ it-twemmin fil-Providenza Divina li taħdem fil-ħajja tagħna u li tmexxina u tiggwidana fid-diffikultajiet kollha tagħna meta aħna niftħu qalbna għaliha.


Il-Ħames Misteru:  Il-Familja Mqaddsa fid-Dar ta' Nażaret

Lk 2 ; 51-52:   Mbagħad niżel magħhom u raġa' mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f'qalbha dawn  il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa' jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

Mill-bidu ta' l-eżistenza tiegħu fuq l-art, Ġesu' rċieva ħafna mħabba u tenerezza mingħand Marija u Ġużeppi; Hu kien il-vokazzjoni tagħhom u l-ispirazzjoni tagħhom; Hu kien il-misteru l-kbir, iċ-ċentru ta' ħajjithom. Fid-Dar ta' Nażaret, Ġesu' għex taħt l-awtorita tal-ġenituri tiegħu u kien jobdihom l-istess bħat-tfal kollha. Hu għadda l-itwal żmien ta' ħajtu fuq l-art, f'sottomissjoni umli għal Marija u Ġużeppi u għalhekk dan hu wkoll l-itwal perjodu li għadda f'ubbidjenza totali bla ma taqta' għall-Missier Etern. Hekk il-Familja Mqaddsa hi involuta b'mod intimu f'dan il-misteru Divin, u l-frott ta' l-ubbidjenza tiegħu hu s-salvazzjoni tad-dinja.

Nitolbu: biex l-atmosfera spiritwali tad-dar ta' Nażaret terġa tiġi maħluqa fil-familji u l-komunitajiet kollha tagħna, jitnissel fosthom spirtu ta' talb, ħniena u mogħdrija u jissaħħu fl-imħabba lejn Alla u lejn xulxin.











Wednesday, October 19, 2016

Psalm 147 , 4  -  He determines the number of the stars and calls them each by name

Take a look at the sky......there's a star with your name on it and the Father knows you well......



God bless you!!