St Clare of Assisi

Friday, December 31, 2010

Novena tal-Milied

L-Għar tal-Milied  -  il-Maxtura li laqgħet il-Feddej

“F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha.  Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja.  U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.  Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David  -  biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu li kienet tqila.  Ġara li meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien li teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għallihom fil-lukanda.”  (Lq. 2; 1 – 6)

Kien minħabba dan iċ-ċensiment li Ġużeppi u Marija kellhom iħallu l-kenn tas-saqaf ta’ darhom ġewwa Nazaret biex jagħmlu dan il-vjaġġ twil lejn Betlehem, vjaġġ ta’ xi 148 km.  It-triq minn Nazareth għal Betlehem kienet mogħdija imħarbta, bit-tlugħ u nżul, li jserrpu minn widien u għoljiet jew fil-beraħ tal-kampanja, fejn għajr il-kenn ta’ xi siġra ma kontx tistenna ebda għajnuna.  Kien vjaġġ iebes li jgħajjik u jaqtagħlek qalbek.  U għal Marija minħabba l-istat li kienet fih kien ifisser ċertu ammont ta’ tbatija żejda.

Meta waslu f’Betlehem, għajjenin, Marija u Ġużeppi ma sabux dak li xtaqu u ttamaw:  ma sabu ’l ħadd li jħenn għalihom, li lest li jgħinhom jew jilqagħhom f’daru, imqar għal lejl wieħed biss;  u kien kollu ta’ xejn li Ġużeppi ħabbat bieb wieħed wara l-ieħor, ħadd ma kellu post għalihom, lanqas fil-lukanda ma kien hemm post għalihom.  Ma kienx hemm post fil-belt ta’ David għal nisel David.  Ma kienx hemm post għal Ġużeppi, l-magħżul minn Alla biex ikun il-missier putattiv ta’ Ibnu.  Ma kienx hemm post għal Marija, l-Omm Verġni, u għal Bin David stess:  “Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx”.

Il-lukandier kien qiegħed fil-bieb, u filwaqt li qalilhom li ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda, għamlilhom sinjal biex jibqgħu sejrin u jfittxu kenn x’imkien ieħor biex jgħaddu l-lejl hemm.  Ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.  F’dan ir-raħal żgħir, in-numru ta’ lukandi kien ftit wisq, aktar u aktar meta kien qed isir iċ-ċensiment.  Din il-lukanda ta’ Betlehem kienet daqxejn ta’ post, bħal bitħa kbira mdawwra bl-arkati fejn kienu jistkennu għal-lejl il-vjaġġaturi.  Ġużeppi u Marija ma kienx fadlilhom x’jagħmlu għajr li joħorġu barra mir-raħal biex ifittxu xi stalla ħalli jgħaddu l-lejl ġo fiha.  Fl-aħħar Marija u Ġużeppi sabu għar ta’ l-annimali u f’dan l’imkien bogħod mill-ħsejjes tad-dinja, post li ma kien ta’ ħadd u fl-istess ħin kien ta’ kulħadd, Marija weldet is-Salvatur tad-dinja; “fisqietu u medditu f’maxtura.”

Li wieħed jara tarbija mimduda f’maxtura, l-ewwel ħsieb li jiġih f’moħħu huwa li t-tarbija hija abbandunata, li ma hemm ħadd li jieħu ħsiebha, li ma hemm ħadd jimpurtah minnha, li ma hemm ħadd li hu ferħan biha u jobbha.  Mill-banda l-oħra l-fatt li t-tarbija hija mgezwra bil-faxex juri li fil-fatt hemm xi ħadd li qed jieħu ħsiebha, li qed iħabbel rasu biha, li qed iħobbha u li qed jagħmel dak kollu possibli biex juriha din l-imħabba.  Marija tassumi r-responsabiltajiet kollha bħala omm, tieħu ħsieb ta’ Ġesu’ bl-aħjar mod li tista’.  F’dawk iċ-ċirkustanzi diffiċli tal-maxtura hi qed tfittex li tħobb lil Binha!  Marija tintebaħ b’dak li jonqosha u twettqu.

Ma tistax tirrifletti dwar it-tarbija Ġesu, l-Emmanweli, Alla magħna, mingħajr ma tħammem ukoll dwar l-għażiża Ommu Marija.  Hekk ukoll ma tistax assolutament taħseb fuq il-ġrajja ta’ Betlehem mingħajr  ma taħseb ukoll dwar l-imkien fejn seħħet din il-ġrajja tas-sema. Hu għalhekk li b’dawn il-ħsibijiet nixtieq li nieqfu biex nagħtu l-importanza neċessarja għal imkien qaddis li laqa’ għandu lil Marija u lil Ġużeppi u t-twelid tas-Salvatur.

Matul is-snin ħarġu għad-dawl xi xhieda biex jikkonfermaw fejn kien l-Għar ta’ Betlehem fejn Marija weldet lil Binha Ġesu.  L-ewwel fost il-kittieba li tkellem preċis dwar l-għar huwa San Ġustinu, martri.  Meta jitkellem mill-għar tat-twelid ta’ Ġesu, San Ġustinu jgħid:  “Meta t-tarbija twieldet f’Betlehem, billi ma kienx hemm post għalihom fir-raħal, Ġużeppi mar u sab għar fil-qrib.  Fil-waqt li kienu hemm, Marija weldet lill Ġesu u poġġietu ġo maxtura.”
L-għaref Oriġene jgħidilna, “Dan il-post jafu bih ukoll dawk in-nies lil ma għandhomx l-istess twemmin fit-twelid ta’ Ġesu bħalna.”
Sa Ġirolmu, biblista li għex sitta u tletin sena ġewwa Betlehem, jisħaq bil-qawwa kollha li Ġesu twieled hemm fil-għar ta’ Betlehem.  Dan il-post qaddis, Ġirolmu isejjaħlu, ‘ħofra’.  “Hekku f’din il-ħofra żgħira hawn taħt l-art, il-ħallieq tas-smewwiet twieled”.

U illum dan il-għar fqir għadu hemm.  Trid tinżel erbatax il-tarġa biex tidħol ġo fih.  Int u nieżel tħoss ġo fik xi haġa li mhux la kemm tesprimiha bil-kliem.  Tħossok riesaq lejn il-Misteru.  Dan il-għar uniku fid-dinja, bis-skiet tiegħu jkellmek, bil-faqar tiegħu jagħnik, bit-tagħlim tiegħu jagħmlek aktar għaref, bid-dawl inemnem ta’ xi lampier ifakkrek fid-dija ta’ l-ewwel Milied, u bl-umdita friska li hemm ġo fih iwasslek biex tħoss is-sħana li taw Marija u Ġużeppi lit-tarbija Ġesu.  Hemm kienet Marija u żewġha Ġużeppi meta hija tat lid-dinja l-iben waħdieni tagħha.  U il-Knisja ma tieqaf qatt tkanta l-glorja ta’ dak il-lejl: 

            “Illum il-Verġni tat l-Etern lid-dinja,
U l-art tat għar lill-għoli li hu fuq kollox u fuq kulhadd.
Ifaħħruħ l-Anġli u r-ragħajja;
Jersqu lejh il-Maġi mmexxijin minn kewkba,
Għax int twelidt għalina, tfajjel ċkejken, Alla ta’ dejjem.

L-għar li fih sabu kenn Marija u Ġużeppi, l-għar li fih twieled l-Iben t’Alla, s-Salvatur tagħna, kien għeri u kiesaħ, bla għamara ta’ xi palazz, bla kumdita ta’ xi dar.  Imma kien dan l-imkien li laqgħU, li offra spazju għal Dak li s-sema u l-art ma jesgħux.  Il-qalb tiegħek u tiegħi, tista’ ukoll tilqa’ għandha l-Emanweli, Alla magħna, permezz ta’ l-Ewkaristija li kuljum nistgħu nirċievu.  U Ġesu mhux se jiddejjaq jiġi għandna, foqra kemm aħna; basta bħal l-għar ta’ Betlehem nilqgħuh, imbagħad Hu jdawwalna u jsebbaħna bis-sħana ta’ l-imħabba, l-paċi u l-maħfra tiegħu.  Mhux dan li f’dinja mgħaġġla, qalbna għandha bżonn?




L-ANĠLI

Vanġelu skont San Luqa:  F'dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba', għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biza’ kbir.  Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu.  Illum, fil-belt ta’ David twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej.  U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura”.  F’daqqa waħda ngħaqdu mal-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu:  “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!” ... mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema....’

Fir-rakont tal-Vanġelu ta’ San Luqa naraw li l-ewwel anġlu wieħed jider lil-rgħajja.  L-anġlu jider b‘dawl qawwi li tixhed il-glorja ta’ Alla u hawnhekk naraw li il-bniedem meta jiffaċċja xi ħaġa sopranaturali jibża’ għax qed jara xi ħaġa li qatt ma ra, li qatt ma semgħa.  Aħna il-bnedmin m’aħniex immdorijin bl-affarijiet tas-sema.  Fil-fatt l-anġlu lir-rgħajja jgħidilhom “tibżgħux”.  Fil-Vanġelji naraw li anki f’dehriet oħra bħal per eżempju meta l-anġlu Gabrijel deher lil Marija  jgħidilha: “Tibżax Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla.  L-istess lil Zakkarija: “Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet...”  L-anġlu qiegħed iħħabbar, u naraw li l-anġli fid-dehriet tagħhom dejjem iħħabbru ferħ, u ferħ kbir, il-ferħ li jġib miegħu it-twelid ta’ Ġesù, il-ferħ tal-liberazzjoni mid-dnub, il-ferħ tas-Salvazzjoni, tar-Redenzjoni, il-ferħ li il-Messija, tant mistenni mill-poplu Lhudi, issa qiegħed fostna, Alla tassew ġie jgħix magħna, tlaħħam u sar bniedem bħalna.  Quddiem dan il-kobor, l-anġli iħabbru dan il-ferħ.  Alla irrevela lilu nnifsu b’dan il-mod. 

Imbagħad naraw li mal-ewwel anġlu jingħaqdu ‘għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema ifaħħru lil Alla’.. u jintonaw il-Glorja!  F’din il-proklammażjoni l-anġli mhux biss qed jesprimu xewqa imma wedgħa.  Jitkellmu fil-preżent.  F’dan il-kant sabiħ l-anġli qed jesprimu is-sens kollu ta’ dak li seħħ; Huma qedgħin jiddikjaraw it-twelid ta’ Ġesù li turi il-glorja ta’ Alla u tagħti s-sliem lil-bnedmin.  Il-vera paċi niżlet fuqna mis-sema.  L-anġli li niżlu mis-sema biex jagħtu l-aħbar it-tajba jindikaw mhux biss il-kobor u il-ġmiel Divin, li hija parti mill-istess natura ta’ Alla imma anki iżjed min hekk il-glorja ta’ Alla li timmanifesta l-egħmil personali ta’ Alla li tqanqal it-tifħir mill-Anġli.  B’hekk l-anġli qed jistiednu lilna lkoll il-bnedmin sabiex nigglorifikaw lil Alla.  Bil-kliem ‘sliem fl-art’ l-anġli qed jindikaw il-missjoni Messjanika iġġifieri il-maħra tad-dnubiet, u id-don tal-Ispirtu ta’ Alla.  L-anġli qed jipproklamaw il-grazzja ta’ Alla bil-miġja ta’ Ġesù tarbija fostna li tistabilixxi ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla bħala uliedu, igiefieri is-Salvazzjoni.  Il-kliem tal-Anġli qed jistiednuna b’mod l-aktar qawwi biex nħobbu u biex naqdu.

     Ejjew ngħatu ħarsa sewwa ġo fina nfusna.  Aħna ngħatu ferħ lil kull min nersqu lejh bħalma għamlu l-anġli?  Offrejna għajnuna materjali u morali lill-oħrajn? Niżnu il-kelma li rridu nitkellmu? u inżommu lura dik il-kelma? Pronti biex nagħmlu xi pjaċir?  Mimlijin bl-entużjażmu għal glorja ta’ Alla? Jew anki meta niġu biex inkantaw it-talba tal-Glorja nieħdu qatgħa?  Nżommu ruħna u moħħna kontinwament quddiem il-presenza ta’ Alla?   Inkantaw f’qalbna bil-ferħ ‘Qaddis, Qaddis, Qaddis’  quddiem Alla tagħna fl-Ewkaristija.  Ejjew insaqsu lill-Anġli biex jgħinnuna inkantaw, biex inkun pronti biex inservu, biex naqdu bil-ferħ, biex inxerdu il-ferħ – il-ferħ li hija il-Qawwa ta’ Alla nnifsu.  Irridu insaqsuhom kontinwament.  Jekk nemmnu, xinhu li jżommna?  Ejjew inkunu grati lejn Alla (li huwa Missierna lkoll) li tana lil Ibnu il-Waħdieni.  Li temmen m’hijiex l-ikbar ferħ?  Jiena ngħix biex ngħoġob lil Alla jew biex ngħoġob lili nnifsi?  Ejjew ngħixu biex ngħoġbu biss lil Alla, biex nitlobu u nixxenqu biex nħobbu lil Alla u lil pproxxmu tagħna.

     Fix-xena tal-Presepju nistgħu nimmaġinaw l-anġli ħdejn il-Maħbub tagħhom Ġesù biex iqimuh.  Anki l-anġli staġbu meta raw lil Alla tagħhom magħmul bniedem tad-demm u l-laħam, li iċċekken daqshekk, sar tarbija li tiddependi kompletament min żewġ bnedmin – Marija u Ġużeppi.

L-anġli jistiednukom biex timmeditaw ix-xena tal-Milied u il-misteru tiegħu.  Ħarsu lejn Ġesù, Marija u Ġużeppi, u flimkien mal-anġli ejjew inqimu lil Ġesù u nħobbu lil Alla li deher bħal tarbija, fqir, umli ċkejken, mingħajr qawwa bħal kull tarbija oħra fid-dinja.  L-anġli jistgħaġbu quddiem din l-imħabba infinità ta’ Alla għaliex huwa għażel li jiċċeken sabiex ikun fostna l-bnedmin - bħal wieħed li jaqdi. Ġesù fil-Vanġelu ta’ San Ġwann jgħidilna ‘jiena ma ġejtx biex inkun moqdi imma biex naqdi’.  Huwa baqa xbieha ta’ Alla, imma sar xbieha perfetta tal-Qaddej.  Quddiem dan il-misteru kbir tal-Inkarnazzjoni u Redenzjoni – il-misteru tal-imħabba li taqdi, ejjew nadurawh, nikkontemplawh u flimkien mal-anġli ejjew inqimuh u nkantaw ‘Qaddis, Qaddis, Qaddis’.


Ir-Rgħajja

“Ejjew immorru Betlehem biex naraw x’ġara, kif għarrafna l-Mulej.”

Hekk iħeġġu lil xulxin ir-rgħajja wara li “ħallewhom l-anġli u telgħu s-sema” kif jġħidilna San Luqa l-Evanġelista fir-rakkont tiegħu tal-Milied.  X’ġiegħel lil dawn ir-rgħajja jħallu l-merħla tagħhom, fejn se jmorru, lil min se jfittxu u s’ser isibu?

Ir-rgħajja kienu nies sempliċi li jqattu ħafna żmien fil-beraħ tar-raba’ maqtugħin min-nies, jivjaġġaw minn post għall-ieħor biex jirgħu l-merħla tagħhom.  Kienu meqjusa bħala nies li jgħixu fi stat ta’ impurita’ għax minnħabba xogħolhom ma setgħux jersqu ta’spiss lejn it-Tempju biex jitnaddfu u joffru s-sagrifiċċji tagħhom lil Alla. Huma jirrapreżentaw lill-foqra u  ċ-ckejknin tal-poplu ta’ Israel, li ħafna drabi, kif naqraw fil-Bibja, Alla jinqeda b’nies bħal dawn biew iwassal il-messaġġ Tiegħu.  Hekku, Alla ried li l-aħbar tat-twelid tal-Iben Divin tkun imħabbra l-ewwel lir-rgħajja – riedhom ikunu parti mill-ġrajja tas-Salvazzjoni tiegħu.

 “U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir.”

Għal-ewwel ir-rgħajja beżgħu meta ġew wiċċ imb’wiċċ ma’ dak li hu Divin, ma’ dak li għola minnhom, għax għarfu l-faqar u l-miżerja tagħhom.  Imma fejn hemm Alla, il-biża’ ma jaħkimx.  Minnufih  l-anġlu jgħidilhom biex ma jibżgħux għaliex il-messaġġ tiegħu hu ta’ ferħ kbir – mhux biss għalihom, imma għall-poplu kollu.  Huma tassew kienu fid-dlam, imma Alla issa qed iġib dawl ġdid fil-ħajja tagħhom.

 “Illum fil-Belt ta’ David, tweldilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej.”

Qiegħed jgħidilhom, ‘Ifirħu.  Dak li kontu ilkom tant tistennew, issa wasal – il-veru Salvatur, il-Messija mibgħut minn Alla li se jeħles lil poplu Tiegħu mil-jasar tad-dnub u l-mewt.  Il-profezija tal-profeta Iżaija seħħet: “ u bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.”  Fil-kelma “illum” , aħna wkoll inkunu qegħdin niġu mdaħħlin f’din il-ġrajja ta’ ferħ.  Lilna wkoll Alla illum qed iġibilna ferħ kbir waqt li naqraw dan il-Kliem u waqt li nieħdu sehem fil-Liturġija tal-Milied. Ġesù’ kuljum qed jiġi bħala “Salvatur, Messija u Mulej.”  Il-ferħ tas-Salvazzjoni, tal-konverżjoni  tagħna l-bnedmin jiġi ċ-ċelebrat bla heda mil-anġli fis-sema f’tifħir lil Alla:  “Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet, u sliem fl-art lil-bnedmin li jogħġbu lilu.”   Il-paċi fl-art hija l-glorja ta’ Alla fis-sema.  F’din it-tarbija Alla qed juri lir-rgħajja li qed iwettaq il-wegħdiet tiegħu lil poplu tiegħu.  Fiha naraw l-Inkarnazzjoni tal-Imħabba tiegħu u jrid li l-bniedem iwieġeb ghal din l-imħabba biex jerġa’ jdaħħlu f’relazzjoni intima miegħu.  Dan iseħħ f’Ġesu Kristu, il-bniedem Alla.  Huwa biss iġib il-paċi fl-art.  Fih l-art u s-sema jingħaqdu għal-Glorja t’Alla.

Fir-rgħajja Alla nibbet ix-xewqa li jaraw “x’ġara kif għarrafhom il-Mulej.”  Huma obdew l-Ispirazzjoni Divina u minnufih marru jgħaġġlu lejn Betlehem ifittxu sa ma sabu “dik it-tarbija”.   Huma jsibuha flimkien ma’ Marija u Ġużeppi f’għar fqajjar mimduda f’maxtura kif kien qalilhom l-anġlu.  Raw u emmnu (cf GW 20:8). Għarfu li dik hija t-tarbija li fuqha ntqal li hija s-Salvatur, il-Messija u l-Mulej.  B’umiltà offrewlha minn dak li kellhom u niżlu jadurawha.  Ir-rgħajja juruna li bil-fidi tagħhom emmnu li Alla ġie “jżur u jifdi l-poplu tiegħu” fit-twelid ta’ dik it-tarbija.  Huwa Alla li fetħilhom qalbhom biex jibdew jifhmu dan il-misteru.  Dak li raw ir-rgħajja – tarbija mimduda f’maxtura – kellu jkun Dak li se jagħti lilu nnifsu bħala ikel u xorb għar-ruħ tagħna.

 Alla wkoll ried juża lir-rgħajja biex ikellem lil Marija u jkabbarha fil-fidi tagħa dwar min hu dan Binha, għax hija minn naħa tagħha baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejna u bejn ruħha.”

“Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura jsebbħu lil Alla għal kulma kiena raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.”  B’hekk barra li kienu mill-ewwel adoraturi ta’ Ġesu’ tarbija, ir-rgħajja kienu wkoll l-ewwel xhieda u xandâra tal-wasla tal-Messija mistenni mingħand Alla.  Din l-esperjenza tagħhom żgur li bidlithom minn ġewwa u tathom tama ġdida.  Il-ferħ tagħhom nistgħu nħossuh aħna llum.  Żgur li issa ma baqgħux iħossuhom li huma maqtugħin minn Alla u mill-bqija tal-poplu.  Is-salvazzjoni hija għalihom ukoll.  Alla ma jħarisx lejn uċuħ imma jara l-qalb u juri lilu nnifsu lil dawk li jixtiequh u jfittxuh b’qalb sinċiera.  Il-Jum għad jasal meta Hu se jiġi fil-Glorja kollha tiegħu biex jagħmel ħaqq mil-ġnus.  Imma Alla hu ħanin.  Bħalissa huwa qed jgħatina dan iż-żmien biex ikun jista’ jiġi għandna bħala tarbija ċkejkna għadha titwieled, permezz tal-Kelma mxebbħa ma’ żerriegħa.  Jiġi fina fl-Ewkaristija bħala Ostja ċkejkna u jiġi f’kull ċirkustanza fil-ħajja ta’ kuljum.  Jekk naċċetawh bil-fidi u ngħożżuh f’qalbna bħal Marija, imbagħad nistennew lil Alla jwettaq l-għeġubijiet tiegħu fina.  Hu jgħamilna ħolqien  ġdid f’Ibnu Ġesù – jagħtina “ruħ ġdida u qalb ġdida”.  Bħar-rgħajja Alla jdaħħalna fil-pjan tas-Salvazzjoni tiegħu meta aħna nilqgħu l-istedina tiegħu biex bil-ħerqa nfittxu lil Ġesu’ u meta nsibuh immorru nxerrdu d-dawl, il-ferħ, il-paċi u l-imħabba tiegħu – dak kollu li nirċievu mil-laqgħa tagħna miegħu u mil-ħidma tiegħu fina.

Nirringrazzjawk Missier Qaddis, talli inti permezz ta’ dawn ir-rgħajja qed turina kif bil-ħeġġa għandna nilqgħu il-Kelma tiegħek fil-persuna ta’ Ibnek Ġesù Kristu li inti tajtu lid-dinja għall-imħabba tagħna biex jibqa’ magħna, jibdilna fiH u jgħaqqadna miegħek għal-dejjem bħala wlied ta’ l-istess Missier. Ammen




IL-BAQRA U L-ĦMARA

Qari mill-ktieb tal-Profeta Isaija (1: 2 – 6)  ... Ulied rabbejt u kabbart, u huma qamu kontrija.  Il-gendus jgħaraf lil sidu u l-ħmar il-maxtura ta’ sidu: imma Iżrael ma jagħrafx; il-poplu tiegħi ma jifhimx.  Jaħasra għalik ġens midneb, poplu mgħobbi bil-ħażen, nisel il-ħżiena, ulied imħassrin ...

Tgħiduli x’għandu x’jaqsam dan il-passaġġ tal-Iskrittura meħud mill-Antik Testment mal-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù?  X’għandu x’jaqsam mal-baqra u l-ħmara li npoġġu fil-presepji tagħna?  Minn fejn ġie li npoġġu baqra u ħmara fil-presepji għax ir-rakkonti tat-twelid ta’ Ġesù fit-Testment il-Ġdid ma jsemmu xejn fuq baqra u ħmara?

            Il-knisja sa mill-bidu nett, dejjem rat f’dan il-kliem tal-profeta Isaija li għadna kemm qrajna, profeżija fuqha nnfisha, fuq meta kellha tkun knisja mhux tal-Lhud biss, imma ukoll tal-pagani.  Meta Isaija jghid ‘il-gendus jgħaraf lil sidu u l-ħmar il-maxtura ta’ sidu’, il-knisja fehmet li l-gendus u l-ħmar kienu dawk il-Lhud u l-pagani li għarfu verament ulied min kienu u minn hu sidhom u minn fejn kien ġej l-ikel li jagħtihom il-ħajja ta’ dejjem u ikkonvertew għal Kristjanezmu għax għajnejhom kienu infetħulhom. Fil-verità tal-fidi, dak li għad-dinja huwa injorant għax huwa ħmar, issa sar għaref ladarba għaraf min hu sidu.  Għalhekk meta San Franġisk poġġa ħmar u gendus fil-presepju f’Greċċio, hu kien qiegħed jimxi fuq tradizzjoni li kienet ilha snin fil-Knisja Kattolika.  Insibu saħansitra pitturi u affreski ta’ xeni tal-Milied li meta ġew biex ipinġu il-baqra u l-ħmar, il-dawn għamlulhom ras ta’ bnedmin u mhux ta’ annimali. 

            Imma l-qari tal-profeta Isaija ma jiqafx hawn u jkompli b’dawn il-kelmiet : ‘Imma Iżrael ma jagħafx, il-poplu tiegħi ma jifhimx’.  Min hu dan ‘il-poplu tiegħi li ma jifhimx?’

            L- Iskrittura tgħid li wieħed minn dawk li ma għarfux, anzi, li tħawwad, kien Erodi.  Erodi ma setgħax jgħaraf lil Alla f’tarbija fqira imqiegħda f’maxtura għax l’alla tiegħu kienet il-kilba għal poter u l-paranoja kollha li din iġġib magħha.  Meta wieħed jgħix bħal Erodi isir jibża minn Alla, ghax lil Alla jarah bħala rival li jista jeħodlu l-poter tiegħu għalhekk ma’ jkunx jista jgħaraf lil Alla fis-semplicità u fil-faqar tiegħu għax ikun mgħommi bil-biża - u jipprova joqtlu billi imewwet jew isikket il-kuxjenza tiegħu billi jgħid li llum il-ġurnata kollox jgħodd u tista tagħmel li trid l-aqwa li tħossok tajjeb int.  Flimkien ma’ Erodi, skont l-Iskrittura, tħawdet ‘Ġerusalemm kollha’.  Ġerusalemm kollha - huma dawk l-istudjuzi tal-liġi u tal-Iskrittura li huma kapaċi jikkwotawlek l-Iskrittura u l-Liġi bl-amment imma mbagħad mhumiex kapaċi isarfuha u jgħixuha fil-ħajja ta’ kuljum.  Mhumiex kapaċi jgħaddu l-kelma t’Alla b’mod li min ikun qiegħed jisma’ ikun jista jgħaraf lil Alla f’ħajtu permezz tal-kelma tiegħu stess.  Ġerusalemm kollha huma wkoll dawk in-nies li tant jgħxu ħajja komda, mgħaluqin fihom infushom, li jaħsbu li m’għandhom bżonn lil ħadd f’ħajjithom u b’hekk ma jistgħux jaraw lil dawk ta’ madwarhom li qed ibatu u wisq inqas jistgħu jgħarfu lil Alla f’dawn in-nies; għax huma jgħixu f’torrijiet tal-avorju u mhux fi stalla ghal ksieħ fejn hemm it-tarbija Ġesù.  Hemm insibu l-baqra u l-ħmar – hemm insibu lir-rgħajja, lil Magi, lil Ġużeppi u lil Marija.  Nies sempliċi li għarrfu ‘ċ-ċokon tagħhom u l-bżonn u l-ħtieġa ta’ Alla f’ħajjithom.  Nies li lil Alla kienu jistennewh u kienu jitolbuh.  Nies li għad-dinja huma ħmir għax l-uniku ambizzjoni tagħhom hija dik li jagħmlu ir-rieda ta’ Alla f’kull ċirkustanza li jiltaqgħu magħha fil-ħajja u biex tagħmel dan lil Alla trid tgħarfu, titolbu u titgħallem tagħaraf xi jrid minnek.

            B’hekk naraw kif Alla, meta ġie fid-dinja, qaleb il-valuri tad-dinja ta’ taħt fuq, ghax issa li tkun baqra u ħmar ifisser li tgħix qrib u fil-preżenża ta’ Alla għax kapaċi tgħarfu.  San Luqa jgħid li, ‘r-rgħajja wara li raw li Ġesù marru ‘d-dar ferħana filwaqt li l-Magi għaddew minn triq oħra, jiġifieri ikkonvertu.  J’Alla aħna ukoll, fil-lejl imqaddes tal-Milied, immorru aħna wkoll d-dar ferħana għax bħal Magi, inkunu bdejna nħallu l’Alla jikkonvertina.  AMMEN

Il-GĦAĠEB TAL-PRESEPJU

     Illum fil-presepju tagħna ser naħsbu fuq karattru li jitqiegħed ħafna fuq quddiem fil-presepji tagħna.  Forsi meta nsemmuh inissel xi tbissima jew inkella mistoqsija – il-għaliex jinsab fil-presepju? Dan huwa il-mistagħġeb jew aħjar kif inhu magħruf bħala l-għaġeb tal-presepju.  Jitqiegħed fil-presepju bħala l-mistagħġeb u jibqa’ jurina l-istagħġib tiegħu sakemm jerġa jasallu ż-żmien li jitqiegħed mill-ġdid f’xi kaxxa u jistenna sena oħra biex joħroġ u jerġa’ jitqiegħed f’postu.  Dan il-pastur jgħallimna kif nistgħu ngħixu ħajjitna aktar isbaħ u pożittiva. Imma x’kien hemm li jista’ jagħmel ħajjitna b’dan il-mod ġo dik l-istalla fqajra? L-ewwel u qabel kollox stagħġeb bil-preżenza kbira u umli ta’ Sidna Ġesu’.  Jurina biċ-ċar li għalih Ġesu’ kien iċ-ċentru, kien kollox.  Ħarstu insibuha fissa fuqu u fuq il-preżenza ta’ Marija  u Ġużeppi.  Nistaqsi, kemm huwa Ġesu’ ċ-ċentru ta’ ħajti?  Kemm nitlob biex Marija u Ġużeppi jressquni viċin tiegħu?  Nesa’ lil kull min kien hemm madwaru għaliex f’Ġesu’ sab il-milja li kien tant qiegħed ifittex, il-ferħ u s-sliem veru fil-qalb. 

     Iva, f’Ġesu’ biss jinsab dan kollu imma d-dinja taljenana wisq u aktar u aktar f’dan iż-żmien meta moħħna jkun biss biex naraw x’ser nixtru, fejn sejrin nieklu fil-lejl tal-Milied u tant affarijiet oħra li joħorġuna mill-ispirtu veru tal-Milied.  U hekk ftit ftit tbegħedna u lanqas biss nafu xi tfisser li tistagħġeb għax id-dinja serqitilna dan id-don li Alla ta lil kulħadd b’mod gratwit.  Lanqas għandna ċans li nieħdu gost u nistgħġbu b’daqsxejn ta’ għasfur li jurina s-sbuħija ta’ Alla fit-tisfir sabiħ tiegħu, jew f’daqsxejn ta’ fjura li turina kemm Alla hu kreattiv u jaf ipitter u jqabbel kuluri m’oħra. M’għadx baqalna ħin biex nistagħġbu bl-aktar affarijiet żgħar u sempliċi m’għadx ghandna ħin.  Imma qatt m’hu tard wisq biex nerġgħu nibdew u nduqu is-sbuħija ta’ madwarna u nfaħħru u nirringrazzjaw lil Alla għaliha.  Ġesu’ jgħidilna ‘ Henjin dawk ta’ qalbhom safja għax huma jaraw lil Alla’.  U hekk hu, għaliex il-bniedem jenħtieġ li jkollu l-qalb tiegħu sajfa u sempliċi inkella ma jkunx jaf jifraħ bl-affarijiet iż-żgħar li kuljum Alla jipprovdilu  biex iferrħu.  Il-bniedem li jaf jistagħġeb huwa bniedem ta’ gratitudni kbira mhux biss lejn Alla imma wkoll lejn l-oħrajn.  Inħarsu lejn it-tfal li bis-sempliċita’ tagħhom jafu jifirħu b’kollox.  Hekk jgħidilna Ġesu’; li ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

     Għalhekk nitħeġġu sabiex dan id-don tal-istagħġib li rċevejna mingħand il-Mulej ikun strument qawwi li jqarribna aktar lejn Alla.  Ikabbarna aktar fis-sensittivita’ lejn il-bżonn tal-oħrajn u minflok nimtlew bl-ispirtu tad-dinja, nimtlew bl-Ispirtu Qaddis tal-Missier Etern li fl-Imħabba infinita u enormi tiegħu tana lil Ibnu biex inħobbuh u biex jurina li t-triq tas-sempliċita’ u tas-safa’ jagħtuna l-milja tal-ferħ u s-sliem.

San Franġisk

Illum x’hin nieqfu quddiem il-presepju tagħna, niltaqgħu ma’ figura li forsi m’aħniex  daqshekk imdorrijin narawha hemm iżda li ssib postha tant tajjeb fil-presepju franġiskan. Hija l-figura ta’ San Franġisk innifsu. Narawh għarkobbtejh quddiem il-maxtura mitluf f’adorazzjoni u forsi nistaqsu, ‘Dan kif sab ruħu hemm f’dik il-grotta?’

San Franġisk kien iqies il-Milied bħala l-Festa tal-festi. Kien jissaħħar jaħseb fuq dan il-misteru hekk kbir – kif Alla li jista kollox u li ħalaq kollox iċċekken daqshekk li sar bniedem. Sar tarbija ċkejkna u dgħajfa, ħlejqa li trid kollox mingħand ħaddieħor u dan kollu għaliex tant ħabb il-bniedem; tant iħobb lili u lilek. Dan Alla jrid ikun qrib tagħna. Iħobbna b’imħabba tal-ġenn. Tant ried ikun qrib tagħna li biex jersaq lejna u jagħmel l-esperjenza tagħna l-bnedmin, sar wieħed minna, bħalna f’kollox minbarra d-dnub. Bit-twelid tiegħu mill-Verġni Marija huwa sar ħuna sabiex ikun jista jgħix fostna, jaqsam imħabbtu magħna u jressaqna lejh. Kien għalhekk li San Franġisk kellu qima kbira lejn il-Verġni Marija għax kienet hi li għamlithu huna.

Dan il-misteru kbir ta’ l-imħabba t’Alla saħħar lil San Franġisk u tant imlieh b’ferħ li xtaq li kulħadd jagħmel din l-esperjenza ta’ ferħ. Li jippriedka fuq dan il-misteru ma’ kienx biżżejjed għalih. Ried isib mezz biex dan il-misteru ta’ umilta’ u mħabba tal-għaġeb iwasslu lin-nies b’mod ħaj. Minn hawn ġietu l-idea li joħloq mill-ġdid ix-xena ta’ l-ewwel Milied. Dan kien l-ewwel presepju maħluq minn San Franġisk, mhux f’għar tal-kartapesta iżda f’għar ta’ veru ġewwa raħal ċkejken fl-Italja jismu Greċċio. Wieħed raġel ħejjilu baqra w ħmara u maxtura mimlija tiben. In-nies ġew kollhom ferħanin bill-fjakkoli u s-saċerdot iċċelebra l-quddiesa b’solennita’ kbira fuq il-maxtura filwaqt li San Franġisk ippriedka. Wieħed minn dawk preżenti kellu dehra tal-għaġeb: deherlu li ra tarbija bla ħajja mimduda fil-maxtura u lil San Franġisk jersaq lejh u jqajjmu minn dik ir-raqda fil-fond. Dan kien qed jagħmel il-Mulej permezz ta’ San Franġisk f’dak iż-żmien: iqajjem il-preżenza ta’ Ġesu’ fil-qlub ta’ dawk li kienu nsewh.

Illum San Franġisk qiegħed jistieden lilek biex int ukoll ma tħallix ‘l Ġesu’ rieqed fil-ħajja tiegħek. Ġesu’ huwa ħaj, huwa qrib tagħna, huwa magħna; anzi huwa fina. Huwa tassew l-Emmanuel – Alla magħna – illum. L-istess Ġesu li twieled f’Betlem jiġi għandi u għandek fl-Ewkaristija. Jinżel jgħammar fostna, jinżel jgħammar fina.  San Franġisk kien jintilef f’tifħir quddiem dan il-misteru ta’ imħabba hekk kbira ta’ Alla. Isimgħuh: ‘O x’umilta mill-aktar għolja! O x’kobor mill-aktar umli, li l-Mulej ta’ kulħadd, Alla u l-Iben t’Alla, hekk ixejjen lilu nnifsu, li għas-salvazzjoni tagħna jinħeba taħt ix-xbieha ta’ farka ħobż!’

Il-qalb tiegħek tista tkun il-maxtura fejn jitwieled Ġesu’. Jekk trid, il-Milied tista tiċċelebrah kuljum, mhux biss darba fis-sena għax Ġesu’ kuljum jixtieq jitwieled fik speċjalment fit-tqarbin. Għandek post għalih fil-ħajja tiegħek jew ser twarrbu fil-ġenb dan il-Milied u tidfnu fit-tlellix u t-tiżjin li jispiċċa fi żmien qasir?

Fl-ewwel presepju li għamel San Franġisk kienu jispikkaw is-sempliċita u l-faqar. Iżda ħaġa ta’ l-għaġeb: propju f’din is-sempliċita’ kien hemm ferħ kbir. Dan għaliex kien hemm l-essenzjal – il-preżenza ħajja ta’ Ġesu’. Ejjew inqiegħdu lil Ġesu fiċ-ċentru taċ-ċelebrazzjonijiet tagħna tal-Milied u nesperjenzaw aħna wkoll il-veru ferħ u paċi tal-qalb li t-tarbija Ġesu’ qed toffrilna.

 Il-Pasturi l-Oħra


     Fil-presepju taghna, barra mir-rghajja nilmhu persunaggi ohra. Fosthom naraw il-mistaghgeb  li diga tkellimna fuqu. Nintebhu wkoll b'xi mara iggorr il-bomblu taghha, xi xwejjah tiela t-tarag bir-rigal f'dirghajh, u ohrajn. 

     Dawn kollha jirrapprezentaw lilna, lilek u lili. Anki fina l-profezija ta' Izaija trid issehh, « Dawk li kienu jghixu f'art id-dlamijiet, dawl kbir idda fuqhom » L-ahbar it-tajba li iddawwal il-hajja taghna waslet ghandna wkoll. Fi zmienna, dan id-dawl ta' Kristu lahaq il-miljuni ta' nies. Izda, minkejja dan kollu, id-dlam ghadu jsaltan fostna. F'xi waqtiet, dan id-dlam jeghleb id-dawl.  Kemm huma ixxurtjati dawn il-persunaggi li naraw fil-presepju izda mhux inqas ahna. Il-ferh taghhom huwa taghna wkoll. Jista jkollna ferh ikbar milli nsiru nafu li l-Genna hija ghalina fejn nistghu ngawdu lill-Alla ghal kemm hi twila l-eternità? 

    U dan ir-rigal wasal ghandna permezz tat-tarbija li naraw gewwa l-maxtura fil-grotta ta' Betlehem, dik it-tarbija Alla li ftaqret ghalina u li issa narawha mgezwra fi ftit hrieqi. Ma genbha naraw lil ommu Marija u lil Guzeppi li hu wkoll dahal fil-pjan tas-salvazzjoni bil-protezzjoni li taha lill-Marija u lil ibnu Gesù.  Xi hlew ta' familja naraw gewwa dan il-ghar!  Ejjew ikollna devozzjoni vera lejn is-Sagra Familja billi naghtuhom post  fil-familja taghna u nitolbuhom jixhtu fuqna kull barka u grazzja.

     Il-persunaggi tal-presepju grew lejn il-ghar mhux idhom f'idhom.  Zgur li hadu xi rigal maghhom sabiex joffruh lit-tarbija Gesù. Fid-dinja orjentali taz-zmien Gesù ma kontx tahsibha li xi hadd imur izur lil xi persuna rispettabli minghajr ma jiehu mieghu xi rigal. Kienu joffru minn dak li kellhom :- xi haruf, gobon, butir, halib, krema etc.. Marija u Guzeppi kienu jifirhu b'dawn il-mistednin taghhom u kienu jistiednu lil dawn in-nies tajba sabiex jaraw lit-tarbija taghhom u jbusuh.  Kien hemm min ukoll kien ikantalu xi ghanja sabiha.  U ahna x'ser noffrulu lill-Bambin Gesù?   L-ahjar rigal li nistghu naghtuh hu li ghal dan il-Milied immorru naghmlu qrara tajba u hekk inkunu nistghu nircevuh fl-Ewkaristija permezz ta' Tqarbina tajba fil-lejl tal-Milied.  Gesù Bambin qed jistiednek tmur f'riglejn is-sacerdot u tithabbeb mal-Missier u hekk terga tibda tghix hajja nisranija konvinta mill-imhabba tieghu u thallih ikompli jmexxik Hu.  F'kull problema li tinqala fil-hajja, tirrikorri ghandu u HU ma jonqosx li jsolvihielek.  Tinsiex ukoll li hdejn it-tarbija Gesù  hemm Marija li fuq is-Salib Gesù tahielna bhala ommna.  Irrikorri lejha f'kull bzonn u htiega tal-hajja tieghek. Sejhilha bit-talba sabiha tal-Ave Marija -

"Is-sliem ghalik Marija bil-grazzja mimlija il-Mulej mieghek, imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-guf tieghek Gesù.  Qaddisa Marija Omm Alla itlob ghalina midinbin, issa u fis-siegha tal-mewt taghna. Ammen"

    Jekk tkun tista ghidilha r-Ruzarju ta' kuljum.  Kull grazzja tinqala permezz tar-Ruzarju.  Hekk jghidilna il-mibki Papa Gwanni Pawlu II li qatt ma talab lill-Madonna permezz tar-Ruzarju u ma kienx mismugh.  Ha jkollna l-istess fidi ahna wkoll u ma nkunux imqarrqa.  U dak il-ferh li mela l-qalb ta' dawn in-nies li marru jzuru lill-Bambin Gesù gewwa l-ghar ta' Betlem ikun taghna wkoll.

     Ejjew nirringrazzjaw lill-Missier ghax baghtilna s-Salvatur.  Dak in-nhar tat-twelid ta' Gesù Bambin il-paci nizlet fuq l-art.  Kull darba li nieqfu quddiem il-presepju, ejjew nadurawh. Fil-hajja taghna, ghandna bzonnu hafna lil Gesù u f'dawn il-granet tal-Milied  m'hemmx lok ghas-swied ta' qalb.  Kulhadd irid jifrah ghax hajja gdida giet moghtija lilna, il-hajja li ghelbet kull biza tal-mewt u mlietna bil-ferh ta' dejjem.  Hadd ma ghandu jibqa barra milli jaqsam minn dan il-ferh.  Din it-Tarbija Gesù giet moghtija lilna mill-Missier sabiex tehlisna minn kull jasar. Ghalhekk nifirhu ghax ghandna ghalxiex nifirhu. 

     Ejjew insellmu lill Marija Ommu li taghtu l-hajja bil-qawwa tal-Ispirtu billi nghidu flimkien -

Sliem ghalik Marija, bil-grazzja mimlija bil-grazzja il-Mulej miegħek.. 

San Guzepp, missier putattiv ta' Gesù veru gharus ta' Marija Vergni u ta' qalb safja, itlob ghalina.


San Guzepp fil-Grotta ta Betlehem


Illum se nahsbu ftit fuq dak ir-ragel li fl-Evangelju ma nsibu ebda kelma tieghu qisu dan ir-ragel qatt ma tkellem imma li bl-ghemil tieghu qal hafna. Guzeppi bin David, hekk sejjahlu l-anglu tal-Mulej kif jirrakkuntalna fl-Evangelju San Mattew. U kif ikompli jghidilna l-istess Evangelju “meta qam ghamel kif ordnalu l-anglu tal-Muleju ha lil martu ghandu” Mt. 1,24. San Mattew jiddeskrivi lil Guzeppi bhala “ragel gust” Mt 1,19. B’dan nagharfu li Guzeppi kien imzejjen b’dik il-qalb safja li taf tara u tisma’ dak li jghidilha l-Mulej. Zgur li Guzeppi thawwad quddiem il-fatt li l-mara li hu kien se jiehu b’martu kienet se tilhed iben li hu kien jaf li mhux tieghu u zgur ukoll li l-holma li kellu hawditu xi ftit, imma mzejjen b’qalb safja u gusta, bla ma tkellem xejn u bla telf ta’ zmien, hsiebu biss biex iwettaq ir-rieda t’Alla, obda kull ma qallu l-Anglu tal-Mulej.

Issa nsibuh fl-ghar migbur fih innifsu, harstu fuq Marija u fuq binHa Gesu’, qalbu tfur bl-imhabba safja tas-sema. It-tfajla li hu tant ihobb u li kien ghazel b’martu kienet il-maghzula tal-Mulej u t-tarbija ckejkna taghHa tarmi d-dawl u l-paci hija l-Messija li kulhadd kien qed jistenna biex igib is-salvazzjoni! F’qalbu jidwi l-kliem ta l-anglu “Hi se jkollHa iben u inti ssemmieh Gesu’ ghax Hu jsalva l-poplu tieghU minn dnubiethom” Mt 1,21. Guzeppi ma jistax jieqaf jistaghgeb quddiem misteru hekk kbir ...... il-pjan tas-salvazzjoni ..... u li Alla ghogbu jaghmlu parti minnu. Qalbu timtela bi gratitudni mmensa lejn Alla li tah il-grazzja li jemmen kull ma qallu l-anglu fil-holma u fl-istess waqt ikompli jissoda fid-decizjoni tieghu li jkompli jintelaq f’idejn Alla filwaqt li jkompli jitolbu l-grazza li jibqa’ dejjem jaghraf u miftuh ghar-rieda tieghU. Ghalkemm ma jhossux dehen u kapaci, imma f’qalbu jemmen li Alla ghazlu biex jaghti lil Gesu’ imhabba paterna, jurih il-wicc ta’ missier, u jipprotegi lilU u lil Marija u jhaddanhom it-tnejn ma’ qalbu sakemm il-Mulej jitlob minnu. Hu! meqjus b’ragel semplici, mastrudaxxa! .... u Alla qed ipoggi tant fiducja fih li qed jafdalu taht il-protezzjoni tieghu, l-akbar tezor tieghu!! X’kobor bla qies! ..... is-Salvatur tad-dinja u l-omm tieghU fil-faqar ta’ dan l-ghar! U hu afdat bil-missjoni li jiehu hsiebhom! Imma ma jibzax u ma jaqtax qalbu! Bil-kliem ta’ l-Anglu f’qalbu “tibzax Guzeppi”, jintelaq f’idejn Alla b’fiducja ghamja, kif ghamel s’issa, u jemmen li la Alla afdalu din il-missjoni zgur li Alla nnifsU jwettaqha jekk hu jintelaq f’idejH. Jaf biss li dak li jitlob minnu Alla hu jrid jobdih. Din il-fiducja nisslet paci shiha f’qalbu u b’semplicita’ u umilta’ kbira jerga jintilef fis-skiet ta’ qalbu f’innu ta’ gratitudni lejn Alla l’Gholi li qed izomm il-weghda mal-poplu tieghU! Kif kien hekk mitluf f’adorazzjoni profonda, ihares lejn Gesu’ u Ommu, jghozz kull mument f’qalbu u jahseb fuq il-kobor ta’ l-imhabba t’Alla, Marija ddur lejh u b’harsa kollha hlewwa, tixhed l-imhabba li Alla l-Imbierek libbisHa biha, thares fiss f’ghajnejh u bla ma tlissen ebda kelma tghidlu li hi tifhem dak kollu li hemm f’qalbu u li taqsam kollox mieghu u b’imhabba kbira tpoggilu t’tarbija Gesu’ f’dirghajh. Hu jilqa’ c-ckejken Gesu’ b’ghozza ta’ missier u hu u jaghmel dan maghqud kif kien fl-ispirtu ma’ Marija jizguraghHa mill-protezzjoni, l-imhabba u l-ghozza kollha tieghu sa ma l-Mulej jitlob minnu.

Ejjew ilkoll huti gheziez fuq l-ezempju ta’ l-Imqaddes Guzeppi nghozzu lil Marija Omm Alla u Ommna u lil Gesu’ f’qalbna. Lil Guzeppi bhala kustodju safi tal-Vergni Marija u kap tal-familja Mqaddsa nafdaw taht il-protezzjoni tieghu il-familji taghna. Bhala sur qawwi ta’ kull familja nitolbuh jintercedi ghalina, ghal uliedna, ghall-knisja u ghall-umanita’ kollha bhala familja wahda ulied l-istess Missier biex fid-dinja ssaltan il-paci, l-imhabba u l-gustizzja. Ejjew fuq l-ezempju ta San Guzepp ta’ ghaqal u ubbidjenza nitolbuh jintercedi ghalina biex bhalu ahna wkoll infittxu fil-verita’ r-rieda ta’ Alla l-Missier ghalina u nitolbu l-grazzja li bhalu nemmnu u nintelqu f’idejn Alla u nhalluH iwettaqha. Ejjew fuq l-ezempju ta’ sabar ta’ San Guzepp ma ncedux taht it-toqol u d-dlamijiet li xi drabi nsibu ruhna fihom fil-hajja imma nduru lejh u nitolbuh li bhal ma pprotega u ggwida lil Gesu’ u lil Ommna Marija meta hajjithom kienet mhedda hekk ukoll jiehu hsieb u jipprotegi lilna fid-diffikultajet taghna. Zgur li dak li wera mhabba u wicc ta’ missier lil Sidna Gesu’ Kristu, li gie fid-dinja biex jurina l-Missier tas-sema, se juri maghna wkoll l-istess imhabba u protezzjoni paterna u id f’id m’Ommna Marija u ma’ Gesu’ jkompli jwassalna lkoll lejn Alla l-Missier.

MARIJA

     Fil-presepju tagħna illum se nkellimkom fuq il-personaġġ ta’ Marija.  Se nħarsu lejha bl-għajnejn tar-ruħ tagħna.  Narwha hemm b’ħarsitha fuq it-tarbija tagħha.  Marija hija l-isbaħ kreatura li għamel Alla il-Missier.

     Meta nħobbu lil Marija iridu nħobbuha b’imħabba ġdida, hi l-Mara l-ġdida, unika fid-dinja.  Hi li wieġbet IVA bil-mogħod tal-Vanġelju.

     Marija mhiex biss ix-xebba ta’ Nazaret, hi Omm Alla, kienet hi li għamlet lil Ġesù Ħuna.  Hemm narawha tadurah ġewwa l-Presepju.  Hi l-isbaħ kreatura tad-dinja, il-qalb li fiha hemm l-imħabba li tizboq l-imħabbiet tal-ommijiet kollha tad-dinja.  Biżżejjed li nsiru nafu dan il-ftit fuq dan il-misteru biex nimmutaw u nintefgħu nqimu lil Alla għal dak kollu li Hu għamel mal-ħlejqa tiegħu.

     Meta ssir taf lil Marija u ssir tagħha b’dan il-mogħod ġdid, hi ssir il-għalliema tiegħek, hi tibda turik il-kobor tagħha u tibda tagħlmek kif hi għallmet u kabret lit-tarbija Ġesù, kif tgħix il-ħajja interjuri.  Naraw lil Marija li tħaddan lil Alla stess, dak Alla li sar tarbija u twieled fil-għar ta’ Betlehem.

     Kif jgħid San Pawl:  “Alla xejjen lilu nnifsu” u dan beda fil-ġuf ta’ Marija.  Marija hi l-Kelma ta’ Alla, Marija hi mimlija bil-grazzja.  Marija hi l-Omm ta’ imħabba safja.  Marija hi l-qaddejja tal-Mulej.  Hi l-bint l-aktar maħbuba tal-Missier.  Il-Mara ta’ Imħabba.

     Kif se nwelldu lil Ġesù fl’oħrajn bħal Marija?   Lil Ġesù narawh fil-maxtura u narawh wkoll bl’għajnejn tal-fidi fl’Ewkaristija, iżda lil Ommu irid haraha fina.  Iridna nkunu ommijiet tal-bnedmin.  Marija qalet IVA għal dak li ried minna Alla b’qalb sempliċi;  imma fl’istess ħin b’qalb kuraġuża: “Hawn jiena il-qaddejja tal-Mulej” qalet Marija (fil-Vanġelu ta’ San Luqa 1, 38a) kienet għotja sħiħa tagħha nnfisha.  He għexet is-sehem sħiħ tagħha ta’ Omm fil-ħajja ta’ Binha Ġesù Kristu.  Marija hi l-Verġni u Omm Alla għalhekk hi ta’ għajnuna għal bnedmin kollha.

     Meta Marija wieġbet: “Ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1, 38b) hi li hija mimlija bil-grazzja, li kienet mmexxija taħt l-influenza speċjali tal-Ispirtu s-Santu, din il-qalb ta’ verġni u omm baqgħet issegwi l-ħidma ta’ Binha Ġesù sa mill-maxtura u tul ħajtu fuq l-art.  Issa qiegħda ssegwi ukoll lilna, aħna li Ġesù Kristu qiegħed iħaddan u jibqa jħaddan bl’imħabba sat-Tmiem.

     Il-frott tal-għaqda tagħha ma kristu hu l-frott tat-talb tagħha.  Ix-xogħol umli tagħha ta’ qaddejja hu propju dak li hu li Alla qed jistenna minnek u minni.

     Meta nitqarbnu nieħdu lil Ġesù, nimtlew b’Alla il-Ħaj.  Imma aħna nwassluh lil oħrajn?  Lin-nies tad-dar tagħna, fil-post tax-xogħol tagħna?  Jistgħu jaraw fina lil Ġesù  Id-dawl ta’ Kristu jiddi fina?  Għaliex l-istess Ġesù li kien presenti fil-ġuf ta’ Marija huwa ukoll presenti fina fit-tqarbin imqaddes:  Irridu nħaffu nagħtuh lil oħrajn.

     Marija agħtina l-qalb tiegħek, hekk sabiħa u safja, hekk immakulata, mimlija mħabba u umiltà, sabiex anke aħna nistgħu nirċievu u nwasslu lil Ġesù bħalma rċevejtu u wassaltu int lil oħrajn.  Int għalina l-bidu tal-ferħ tagħna għaliex inti tajtna lil Ġesù, għinna nkunu aħna ukoll il-kawza tal-ferħ lil oħrajn billi nagħtu lil Ġesù lil dawk kollha li magħhom niltaqgħu.  Illum aktar minn qabel il-bnedmin huma bil-ġuħ għal Ġesù.  Marija, mill-Presepju għallimna li l-uniku solużjoni tal-paċi fil-qalb, paċi fid-dinja hu Ibnek Ġesù.

















Ġesù Bambin


     F’dan ix-xahar li jressaqna lejn il-Milied u li fih niċċelebraw il-Milied, naraw il-Mulej Ġesù jitwieled taħt saqaf tal-blat.  Naħsbu ftit għaliex Alla għażel li jitwieled ġo għar f’Betlehem.

Kellu Tempju kbir u sabiħ fejn in-nies kienu jmorru jqimuH u joffrulu sagrifiċċju, imma pprefera li jiġi fid-dinja u jibda l-ħajja ġo għar kiesaħ, imwarrab minn kulħadd, nieqes minn kollox.  Imma nkunu ngħidu sewwa jekk ngħidu li kien nieqes minn kollox?  Żgur li kien bla dar, bla ikel u ħwejjeġ biżżejjed, bla sodda biex jorqod, imma kellu l-imħabba ta’ Missieru fis-sema li bagħatlu l-Anġli biex iferrħuħ, kellu l-imħabba sinċiera u qawwija ta’ Ommu Marija u ta’ San Ġużepp.  Kellu ukoll żjara minn xi ragħajja mill-viċin biex itaffulu ftit mill-bard u l-kesħa tal-għar.  U ma ninsewx li ftit ġimgħat wara xi nies importanti imma li kellhom tama li din it-tarbija setgħet tbiddel il-kondizzjoni tal-bniedem għall-aħjar,  ġew mill-bogħod u ġabu magħhom ir-rigali.

Il-Milied huwa festa ta’ ferħ għaliex ifakkarna kif l-Iben ta’ Alla ħa n-natura ta’ bniedem biex ikun jista jsalvana.  Għandna biex nifirħu meta naraw kif l-istess Alla niżel fostna u ħa l-istess natura tagħna biex lilna jkun jistà jeħodna għandu.  L-Iben ta’ Alla niżel fostna l-bnedmin ħalli jkun is-sellum li bih aħna nitilgħu fil-ġenna.  Nistgħu ngħidu li s-sellum ta’ Ġakobb huwa figura ta’ Kristu Medjatur.  Permezz tal-Inkarnazzjoni, Sidna Ġesù Kristu niżel minn dan is-sellum biex aħna nkunu nistgħu nitilgħu miegħu lejn il-ġenna.  Din hija figura li tesprimi realtà profonda: li permezz tal-inżul ta’ Kristu fid-dinja aħna mhux biss ksibna s-salvazzjoni, iżda sirna wkoll ulied Alla.  Kristu ġie fid-dinja bħala bniedem normali, l-Inkarnazzjoni u l-miġja tiegħu kienu lkoll frott tat-Trinità Qaddisa.  Kien Alla l-Missier li bagħat lil Sidna Ġesù Kristu fid-dinja, filwaqt li kellu jkun b’intervent speċjali tal-Ispirtu s-Santu li ġie mnissel u ffurmat il-ġisem ta’ Ġesù fil-ġuf safi ta’ Marija Verġni. 

Ġesù ġie fid-dinja anki biex jagħtina eżempju ta’ kif għandna ngħixu u kif inġibu ruħna fit-tbatija.  Anki permezz tat-twelid tiegħu, Ġesù ried jgħallimna li t-triqat ta’ Alla mhumiex bħal dawk tal-bniedem.  Huwa twieled fil-faqar, bl-aktar mod umli, fis-satra tal-lejl.  Minkejja dan kollu, fil-għar ta’ Betlehem kien hemm il-paċi.  Min irid isib il-vera paċi, irid iħares lejn il-grotta ta’ Betlehem u jara fiha l-Iben ta’ Alla, il-Ħallieq tad-dinja, għax kif jgħid San Ġwann fl-Evanġelju tiegħu:

“Kollox biH sar, u xejn ma sar mingħajrU”.

It-triqat ta’ Alla jwasslu għall-paċi.  Min tassew irid isib il-paċi fil-Milied, isibha f’Sidna Ġesù Kristu.

Fil-għar ta’ Betlehem, fil-ħemda tal-lejl kienet qed titfassal l-istorja tal-futur tal-umanità.  Min qatt setà jobsor jew ibassar li minn din is-sempliċità tal-bidu kien ser jitwassal messaġġ qawwi ta’ mħabba u li jrid jinfirex lill-ġnus kollha.  Għaddew ftit iktar minn elfejn sena mill-ġrajja tal-Għar ta’ Betlehem.  Matul dan iż-żmien eluf u eluf kbar ta’ nies taw ħajjithom biex ixerrdu dan il-messaġġ.  Messaġġ ta’ mħabba.

Ejjew nifirħu f’dan il-Milied b’Ġesù Tarbija, li huwa dawl u salvazzjoni eterna għall-umanità mġarrba bid-dnub.

No comments:

Post a Comment