St Clare of Assisi

Tuesday, February 9, 2016

Ruzarju B'Meditazzjonijiet mill-Messagg tal-Papa ghar-Randan

L-1 Ħadd tar-Randan -  Gesù jeghleb it-Tigrib fid-dezert bil-Qawwa tal-Kelma ta Alla 

Bis-sejħa għas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u għall-inizjattiva “24 siegħa għall-Mulej” ridt nisħaq fuq il-primat tas-smigħ tal-Kelma fi spirtu ta’ talb, speċjalment dik tal-Profeti.  Il-ħniena ta’ Alla fil-fatt hi xandira lid-dinja: imma din il-bxara kull Nisrani hu msejjaħ jagħmel esperjenza tagħha hu l-ewwel. 

Wara li laqgħet il-Bxara t-Tajba mwassla lilha mill-arkanġlu Gabrijel, Marija, fil-Magnificat, tgħanni profetikament il-ħniena li biha Alla għażilha sa minn qabel.  Hekk il-Verġni ta’ Nazareth, imwiegħda bħala għarusa lil Ġużeppi, issir l-ikona perfetta tal-Knisja li tevanġelizza għax kienet u hi kontinwament evanġelizzata bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, li nissel il-frott tal-ġuf verġinali tagħha. 


It-2 Ħadd tar-Randan  -  Gesù jidher fil-glorja tieghu fuq it-Tabor quddiem Pietru, Gakbu u Gwanni

Id-drama ta’ mħabba tilħaq il-quċċata tagħha fl-Iben magħmul bniedem.  Fih Alla jsawwab ħnientu bla tarf sa ma jagħmel minnha “Ħniena inkarnata” (ara Misericordiæ vultus, 8).  Bħala bniedem, Ġesù ta’ Nazareth fil-fatt hu f’kull sens bin Israel.  U huwa hekk sal-punt li fih jitlaħħam dak is-smigħ perfett ta’ Alla li s-Shemà titlob minn kull Lhudi, twemmin li sal-lum għadu l-qalba tal-patt ta’ Alla ma’ Israel: “Isma’, o Israel: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu.  Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha” (Dewt 6:4-5).  L-Iben ta’ Alla hu l-Għarus li jagħmel minn kollox biex jirbaħ l-imħabba tal-Għarusa tiegħu, li magħha hu marbut bl-imħabba tiegħu bla limiti li ssir viżibbli fil-festa tat-tieġ ta’ dejjem tiegħu magħha.


It-3 Ħadd tar-Randan  -  It-Taghlim ta Gesù fuq l-Indiema

Il-ħniena ta’ Alla tibdel il-qalb tal-bniedem u ddewqu mħabba fidila li hekk tagħmel lilu wkoll kapaċi jħenn.  Hu miraklu dejjem ġdid li l-ħniena divina tista’ ddawwal bih il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, tqanqalna għall-imħabba tal-proxxmu, u tagħti l-ħajja lil dawk li t-tradizzjonijiet tal-Knisja ssejjaħ l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali.  Huma jfakkruna li l-fidi tagħna tissarraf f’atti konkreti u ta’ kuljum, biex ngħinu lill-proxxmu tagħna fil-ġisem u fir-ruħ, u li fuqhom għad isir ħaqq minna: nitimgħuh, inżuruh, infarrġuh, nedukawh.  Għalhekk jien xtaqt “li l-poplu Nisrani matul il-Ġublew jirrifletti fuq l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali.  Dan ikun mod kif nerġgħu nqajmu l-kuxjenza tagħna spiss rieqda quddiem it-traġedja tal-faqar u biex nidħlu dejjem iżjed fil-qalba tal-Vanġelu, fejn il-foqra huma l-ipprivileġġjati tal-ħniena divina” (ibid., 15).  Fil-fatt, fil-fqir, il-ġisem ta’ Kristu “isir mill-ġdid viżibbli bħala ġisem ittorturat, miġruħ, imsawwat, mitluq mejjet bil-ġuħ, maħrub… biex aħna nagħrfuh, immissuh u ngħinuh b’għożża kbira (ibid.).


Ir-4 Ħadd tar-Randan  -  Il-Hniena tal-Missier fil-Parabbola ta l-Iben li telaq dar missieru

Fil-qalb li tħabbat tal-kerygma appostolika, l-ħniena divina għandha post ċentrali u fundamentali.  Dan hu “l-ġmiel tal-imħabba feddejja ta’ Alla li dehret f’Ġesù Kristu li miet u rxoxta” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 36), dik l-ewwel tħabbira li “dejjem għandna nerġgħu lura għaliha biex nisimgħuha fid-diversi xejriet tagħha u li dejjem għandna nduru lejha biex inħabbruha fil-katekeżi” (ibid., 164).  Allura l-Ħniena “tesprimi l-imġiba ta’ Alla mal-midneb, meta joffrilu possibbiltà oħra biex jerġa’ lura minn triqtu l-ħażina, jindem u jemmen” (Misericordiæ vultus, 21), u hekk terġa’ twaqqaf ir-relazzjoni tiegħu Miegħu.  U f’Ġesù mislub Alla sa jrid jilħaq il-midneb fl-aktar post imbiegħed tiegħu, sewwasew hemm fejn hu ntilef u tbiegħed Minnu.  U dan jagħmlu bit-tama li sa fl-aħħar jista’ jrattab il-qalb imwebbsa ta’ Għarustu.

Il-5 Ħadd tar-Randan  -  Il-Mara li nqabdet f'adulterju tittiehed quddiem Gesù biex tigi ggudikata

Quddiem din l-imħabba qawwija bħall-mewt (ara Għanja 8:6), l-ifqar miżerabbli hu dak li ma jaċċettax li hu hekk.  Jaħseb li hu għani, imma fir-realtà hu l-ifqar fost il-fqar.  Huwa hekk għax hu lsir tad-dnub, li jwasslu biex jinqeda bl-għana u l-poter mhux biex jaqdi lil Alla u lill-oħrajn, imma biex jifga fih l-għarfien qawwi li anki hu mhu xejn għajr tallab imsejken u fqajjar.

Għalhekk ir-Randan ta’ din is-Sena Ġubilari hu għal kulħadd iż-żmien it-tajjeb biex sa fl-aħħar nistgħu ninqalgħu mill-aljenazzjoni eżistenzjali tagħna, grazzi għas-smigħ tal-Kelma u għall-opri tal-ħniena.  Jekk permezz ta’ dawk korporali mmissu l-ġisem ta’ Kristu fl-aħwa fil-bżonn ta’ min jitmagħhom, ilibbishom, jagħtihom saqaf fuq rashom, iżurhom, dawk spiritwali – nagħtu parir, ngħallmu, naħfru, inwissu, nitolbu – imissu iżjed direttament il-fatt li aħna midinbin.  Allura l-opri korporali u dawk spiritwali ma għandhom qatt jinfirdu minn xulxin.  Fil-fatt, huwa sewwasew meta fil-fqajjar imiss il-ġisem ta’ Kristu mislub li l-midneb jista’ jirċievi b’don l-għarfien li hu stess huwa tallab fqajjar.  

Is-smigħ attent tal-Kelma iħejjina bl-aħjar mod biex niċċelebraw ir-rebħa definittiva fuq id-dnub u fuq il-mewt tal-Għarus, issa rxoxt, li jixtieq isaffi lill-Għarusa mwiegħda tiegħu, hi u tistenna l-miġja tiegħu. 

Ejjew ma naħlux dan iż-żmien tar-Randan hekk tajjeb għall-konverżjoni! 


1 comment:

  1. My name is Mrs Aisha Mohamed, am a Citizen Of Qatar.Have you been looking for a loan?Do you need an urgent personal loan or business loan?contact Dr James Eric Finance Home he help me with a loan of $42,000 some days ago after been scammed of $2,800 from a woman claiming to been a loan lender but i thank God today that i got my loan worth $42,000.Feel free to contact the company for a genuine financial service. Email:(financialserviceoffer876@gmail.com) call/whats-App Contact Number +918929509036

    ReplyDelete