St Clare of Assisi

Ruzarju tal-Ferh Meditat fuq siltiet mid-diskorsi ta' Papa Franġisku

Il-Papa jistieden lil kulħadd, ikun xi jkun it-twemmin tiegħu, sabiex ningħaqdu flimkien u nitolbu: Biex titneħħa minn kull rokna tad-dinja l-pjaga tat-tfal suldati.

Misteri tal-Ferħ

Nidħlu ma' Marija fil-prezenza ta' Ġesu' u fit-talba tal-Knisja Universali, magħqudin ma' l-Anġli u l-qaddisin kollha. Noffru qlubna u qlub il-bnedmin kollha. Nemmnu li Alla li ħalaqhom għandu s-setgħa li jibdilhom u nitolbu, skond ix-xewqa tal-Papa biex il-Mulej jeħles il-qlub minn kull vjolenza. Nitolbu skond l-intenzjonijiet ta' Ommna Marija, u noffru l-intenzjonijiet fil-qlub tal-Papa, ta' l-Isqfijiet u tas-Saċerdoti u l-persuni kkonsagrati kollha. Noffru l-intenzjonijiet ta' qalbna.



L-1 Misteru:  It-Tħabbira ta’ l-Anglu lil Marija li kellha tkun Omm Alla

Mbagħad qalet Marija: "Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!" U l-anġlu telaq minn quddiemha.
Diskors ta’ Papa Franġisku waqt l-Angelus ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni:                   Marija twieġeb għall-istedina ta’ Alla u tgħid: «Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej»   Ma tgħidx: «Tajjeb, did-darba nagħmel ir-rieda t’Alla, nuri li jien disposta, imbaħgad wara naraw....”  Le, l-”iva” tagħha hi sħiħa, għal ħajjitha kollha, mingħajr kundizzjonijiet.  U bħalma dik il-“le” tal-oriġini kienet għalqet it-triq ta’ bejn Alla u l-bniedem, dik l-“iva” ta’ Marija fetħet it-triq biex Alla jiġi fostna.  Hi l-“iva” l-aktar importanti tal-istorja, l-“iva” fidila li tfejjaq id-diżubbidjenza, l-“iva” disponibbli li taqleb ta’  taħt fuq l-egoiżmu tad-dnub. Aħna wkoll, kull wieħed u waħda minna għandna storja ta’ salvazzjoni magħmula minn iva u le.  Naħsbu ftit, u nsibu tant “iva” li m’għidniex.  Iżda kull iva sħiħa lil Alla hi l-bidu ta’ storja ġdida: l-iva lil Alla hi xi ħaġa verament “oriġinali”, hi oriġini, mhux id-dnub li jxejjaħna minn ġewwa.  Qatt ħsibtuha din, li d-dnub ixejjaħna minn ġewwa?  Ixejjaħna f’qasir żmien.  Kull iva lil Alla hu l-bidu ta’ storja ta’ salvazzjoni għalina u għall-oħrajn.  Bħal Marija bl-iva tagħha.

It-2 Misteru – Iz-Zjara ta Marija lill-Elizabetta

L-Ewwel Katekezi tal-Papa Franġisku dwar it-Tama:                      It-Tama hi importanti ħafna, għax it-tama ma tqarraq qatt bina. L-ottimiżmu jqarraq bina, it-tama le! Għandna bżonnha ħafna, f’dawn iż-żminijiet li jidhru mudlama, meta xi drabi nħossuna mitlufin quddiem il-ħażen u l-vjolenza li jdawruna, quddiem it-tbatija ta’ tant minn ħutna. Hemm bżonn tat-tama! Inħossuna mitlufa u anki xi ftit qalbna maqtugħa, għax insibuna ma nistgħu nagħmlu xejn u donnu dan id-dlam mhu ħa jispiċċa qatt.  Imma ma rridux inħallu t-tama titlaqna, għax Alla bi mħabbtu jimxi magħna. “Jien nittama, għax Alla jinsab miegħi”: dan kollha nistgħu ngħiduh. Kull wieħed u waħda minna jista’ jgħid: “Jien nittama, għandi t-tama, għax Alla jimxi miegħi”. Jimxi u jaqbadli f’idi. Alla ma jitlaqniex waħidna. Il-Mulej Ġesù għeleb il-ħażen u fetħilna t-triq tal-ħajja.

It-3 Misteru  -  It-Twelid ta’ Ġesu’ f’Betlehem

L-Ewwel Katekezi tal-Papa Franġisku dwar it-Tama :                                        Il-ħajja spiss qisha deżert, diffiċli nimxu fil-ħajja, imma jekk nintelqu f’idejn Alla tista’ ssir sabiħa u wiesgħa daqs arterja prinċipali. Biżżejjed ma nitilfu qatt it-tama, biżżejjed nibqgħu nemmnu, dejjem, minkejja kollox. Meta aħna nsibu ruħna quddiem tarbija, jaf ikollna ħafna diffikultajiet u problemi, imma minn ġewwa nħossu li għandna nitbissmu, għax insibu ruħna quddiem it-tama: tarbija hi tama! U hekk fil-ħajja għandna nagħrfu naraw il-mixja tat-tama li twassalna biex insibu lil Alla, Alla li sar Tarbija għalina. U dan iġagħalna nitbissmu, jagħtina kollox!

Ir-4 Misteru   -  Il-Prezentazzjoni ta’ Ġesu’ fit-Tempju

Mill-Omelija tal-Papa ghat-3 Hadd ta’ L-Avvent:                                    It-togħma tal-ferħ veru.  Hu ferħ li jinżel dritt fil-qiegħ tal-intimità ta’ ħajjitna aħna u nistennew lil Ġesù li diġà wasal biex iġib is-salvazzjoni għad-dinja, il-Messija mwiegħed, imwieled f’Betlem mill-Verġni Marija.  «L-għomja jaraw, iz-zoppop jimxu, il-lebbrużi jissaffew, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu» (Matt 11,5).  Dan mhux kliem vojt, huma fatti li juru ċar kif is-salvazzjoni miġjuba minn Ġesù taħkem lill-bniedem sħiħ u ġġeddu.  Alla daħal fl-istorja biex jeħlisna mill-jasar tad-dnub; tella’ t-tinda tiegħu f’nofsna biex jaqsam l-eżistenza tagħna magħna, biex ifejjaq il-ġrieħi tagħna, jinfaxxa l-feriti u jtina ħajja ġdida.  Il-ferħ hu riżultat ta’ dan l-intervent ta’ salvazzjoni u mħabba ta’ Alla.

Il-5  Misteru:   Gesu’ jinstab fit-Tempju

L-Ewwel Katekezi tal-Papa Franġisku dwar it-Tama :                                      L-istorja vera – dik li ħa tibqa’ għal dejjem – hi dik li jikteb Alla maċ-ċkejknin tiegħu: Alla ma’ Marija, Alla ma’ Ġesù, Alla ma’ Ġużeppi, Alla maċ-ċkejknin. Dawk iċ-ċkejkna u sempliċi li nsibu madwar Ġesù fit-twelid tiegħu: Żakkarija u Eliżabetta, xwejħa u sterili, Marija, xebba u verġni żagħżugħa mgħarrsa lil Ġużeppi, ir-ragħajja, li kienu mistmerra u ma kienu jiswew xejn. Huma ċ-ċkejknin, li jsiru kbar minħabba fil-fidi tagħhom, iċ-ċkejknin li jafu jkomplu jittamaw. U t-tama hi l-virtù taċ-ċkejknin. Il-kbar, dawk li jħossuhom sodisfatti, ma jafux x’inhi t-tama; ma jafux x’inhi.    Huma ċ-ċkejknin li ma’ Alla, ma’ Ġesù jibdlu d-deżert tal-eżilju, tas-solitudni ddisprata, tat-tbatija, fi triq watja li fuqha wieħed jista’ jimxi biex imur jiltaqa’ mal-glorja tal-Mulej. U niġu għall-punt: ejjew nitgħallmu t-tama. Nistennew kollna fiduċja ż-żjara tal-Mulej, u hu x’inhu d-deżert ta’ ħajjitna – kull wieħed u waħda jaf f’liema deżert iħossu miexi – jinbidel fi ġnien kollu ward. It-tama ma tqarraqx bina!





1 comment:

  1. Do you need a loan? If yes! Contact FIFO Capitals and Mortgages Limited ® for small and large loans amount. We give out loan at 2% interest rate. Contact us today via E-mail at,,,((FIFOCapitals@gmail.com)),,, We also give out from. £5 thousand Pounds to 100 million Pounds for individuals and companies, the credit is open to all regardless of nationality....

    ReplyDelete